Riżorsi | Kewba ta' Filgħodu - Parroċċa Fleur-de-Lys

Parroċċa Fleur-de-Lys

Riżorsi

Kewba ta' Filgħodu

Santa

Fil-litanija tal-Madonna Lauretana, insibu t-titlu sabiħ "Kewba ta' Filgħodu". Din il-kewba li tidher l-ewwel waħda kienet ta' direzzjoni għall-baħħara antiki. Fil-fatt fin-nawfraġju ta' San Pawl u San Luqa tant kienu mitlufin, li fl-Atti tal-Appostli San Luqa jikteb, "li rajna xemx jew kewba".

L-istudjużi u vera devoti tal-Madonna Omm Alla Sidn Ġesu' Kristu raw kif l-Iva tagħha kienet kewba li wriet li għandha tiġi x-Xemx (Ġesu' Kristu) u b'hekk kienet se iġib is-sħana dejjem ta' Alla. Għalhekk il-Karmelu dejjem ħass li l-Madonna, għalih kollu tkun dik id-direzzjoni li biha naslu għall-"Kariżma" (Grazzja speċjali) li jgħati l-Ispirtu s-Santu biex ikompli jssebbaħ il-Knisja ta' Kristu. It-titlu ta' "Kewba ta' Filgħodu" ġie sviluppat ħafna għall-"Kewba tal-Baħar" għax kif diġa ktibt għall-baħħara kienet essenzjali kif ukoll għal vjaġġaturi b'mod speċjali dawk tad-deżert. Għalhekk fit-talba sabiħa tal-Flos Carmeli (Fjur tal-Karmnu) fit-tieni stanza hemm "Lill-Karmelitani agħtihom rahan ta' mħabba – Kewba tal-Baħar" u fil-ħames stanza tat-talba Flos Carmeli hemm "Omm wisq għaqlija f'lejl mudlam mexxina".

Santa F'dan l-aħħar żmien il-Papa Emeritus Benedittu XVI kien iħobb jispiċċa ħafna mid-diskorsi tiegħu billi jitlob lill-Madonna, bħal "Kewba tar-Rikonċiljazzjoni" u "Kewba tal-Evanġelizazzjoni". Santa Fawstina ukoll lill-Madonna issejħilha "Kewba tal-Purgatorju". Mela mhux ta' b'xejn il-Patri Karmelitan, Paolo Antonio Foscarini (ċ. 1565 – 10 June 1616) imur ukoll jikteb li Marija taħt it-titlu tal-Karmelu hija padruna tal-purgatorju u aktar riċenti Patri Eman R Carroll Karmelitan kiteb li Marija hija l-kewba li twassal il-Karmelu biex ikun kollu kemm hu ta' Marija, l-għalliema, l-omm u l-oħt tiegħu. F'ħafna santi li jġibu lill-Madonna tal-Karmu dejjem isibuha fl-erwieħ tal-purgatorju.

Illum f'dan il-ħsieb se inġibu żewġ santi. Waħda minn dawn is-santi għandha 87 sena. Fiha naraw ragħaj u ibnu ħerġin kmieni filgħodu bil-merħla tagħhom, qegħdin jitolbu lil Marija l-Kewba ta' Filgħodu biex tiggwidhom. Is-santa l-oħra hija simbolu tal-"Kewba ta' Filgħodu". Dawn is-simbolu kien iddisinjhom Richard Ackerman Isqof Awżiljaru ta' San Diego fuq il-ħsibijiet tal-Karmelitan Eman R Carroll.

Patri Martin D. Schembri O.Carm
Kappillan