Riżorsi | Il-Qaddisin Kollha - Parroċċa Fleur-de-Lys

Parroċċa Fleur-de-Lys

Riżorsi

L-1 ta' Novembru - Il-Qaddisin Kollha

Qaddis isir mhux jitwieled. Il-Mulej, ir-Redentur ġie biex jagħmilna kollha kemm aħna qaddisin. Ġie biex il-bnedmin kollha isalvaw u meta jsalvaw isiru qaddisin. Il-qaddisin li l-Knisja tipproklama huma nies bħalna f’kollox, anki kellhom id-difetti tagħhom imma rebħuhom.

Dak li wassalhom biex isiru qaddisin kienet żgur l-Ewkaristija, iġifieri l-Quddies, t-Tqarbin u t-Tabernaklu. Ħafna kittieba jiktbu li l-Ewkaristija hija s-saħħa u l-enerġija li tagħmlek nies u li biha tkun taf tgħix mal-bnedmin kollha huma min huma u huma kif inhuma. Alla tant għandu mħabba lejna li f’dan iż-żmien ta’ meta hawn bruda lejn l-Ewkaristija, qajjem liż-żgħażugħ Beatu Carlo Acutis. Il-ħajja tiegħu kienet normali ta’ żagħżugħ, bil-kompjuter u l-qrar. Il-qaddisin qegħdin mhux biex inkun nafu fuqu (gossiping) imma biex nimitawhom.

Il-kliem ta’ Ġesu waqt il-konsagrazzjoni “Dan hu Ġismi, Ħudu u Kulu” huwa kliem ċar, ma qalx, dan hu ġismi, oqogħdu arawħ imma kulu. Ma nistax nifhem kif nies li kienu jitqarbnu spiss issa qegħdin jaraw il-quddiesa minn fuq it-TV u tbegħdu mit-tqarbin. Ma nistgħux ngħixu lil Ġesu fin-nofs jew kif jogħġobna. Biża kbir tiegħi hu li lit-tfal biegħdnihom mill-quddies tal-Ħadd u Tqarbin. Povri dawn it-tfal u addoloxxenti li ser jitilgħu f’din il-bruda. Alla u ħanin imma ġust ukoll.

Nispera li l-Beatu l-ġdid li miet ta’ 16-il sena iħeġġiġna biex nerġaw niġu għall-quddies u t-tqarbin. Appell lill-ġenituri, oqgħodu atteni għax jekk uliedkom ma ikunx imfawrin bi Kristu għad tibku intom.

P. Martin D. Schembri O. Carm
Kappillan