Riżorsi | Il-Papa San Ġwanni XXIII - Parroċċa Fleur-de-Lys

Parroċċa Fleur-de-Lys

Riżorsi

Il-11 ta' Ottubru - It-Tifkira tal-Papa San Ġwanni XXIII

Il-Papa Qaddis Gwanni XXIII

Il-11 ta' Ottubru hija l-ġurnata li fiha fetaħ il-Konċilju Vatikan II (1962) mill-Papa, illum qaddis Ġwanni XXIII. Għalhekk it-tifkira tiegħu issir fil-11 ta' Ottubru.

Dan il-Papa beda kelma li għada tidwi sallum – il-kelma "Aġġornament" jew tiġdid. Il-Papa San Ġwanni XXIII ta' tifsira sabiħa lil din il-kelma, li diżgrazzjatament mhux dejjem sar hekk. Hu qal li l-aġġornament (tiġdid) ma tfissirx narmu dak li għandna, imma nerġgħu niskopru l-bidu u l-iskop tiegħu.

Meta darba kien qiegħed ikellem lilll-Karmelitani qallhom, "Nieħdu l-Labtu ta Marija, jekk nilbsuh biss u ma inkunux nies ta' fidi u talb, għaliex nilbsuh? Il-labtu jkompli jgħid il-Papa San Ġwanni XXIII huwa sinjal ta' imħabba materna." Aħna li nilbsuh għandna minn din l-imħabba ta' servizz għall-oħrajn?

Biografija

Angelo Ġużeppi Roncalli twieled f'Sotto il-Monte (Bergamo) fl-1881. Ta' ħdax-il sena daħal fis-seminarju ta' Bergamo, imbagħad kompla l-istudji tiegħu fis-Seminarju Ruman. Ġie ordnat saċerdot fl-1904 u nħatar segretarju tal-Isqof ta' Bergamo. Fl-1921 daħal fis-servizz tas-Santa Sede bħala President għall-Italja tal-Kunsill Ċentrali tal-Opera Pontifiċja tal-Propagazzjoni tal-Fidi; fl-1925 inħatar bħala Viżitatur Appostoliku u Delegat Appostoliku fil-Bulgarija; fl-1935 bħala Delegat Appostoliku fit-Turkija u l-Greċja; fl-1944 bħala Nunzju Appostoliku fi Franza. Fl-1953 inħatar kardinal u ġie nominat Patrijarka ta' Venezja. Ġie elett Papa fl-1958. Sejjaħ sinodu għad-djoċesi ta' Ruma, waqqaf Kummissjoni għar-reviżjoni tal-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku, sejjaħ il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II. Miet fit-3 ta' Ġunju 1963.

Patri Martin D. Schembri O.Carm
Kappillan