Riżorsi | Storja - Parroċċa Fleur-de-Lys

Parroċċa Fleur-de-Lys

Riżorsi

Storja

Fleur-de-Lys – 40 Sena Parroċċa

Jgħidu li minn fejn jgħaddi l-ilma jkun hemm il-ħajja u hekk ġara, għax minfejn kien hemm l-isbaħ biċċa tal-akwedott, li kien bena l-Gran Mastru Alof de Wignacourt li minn fuqu kien jgħaddi l-ilma għall-belt Valletta, nibet u ħa ismu r-raħal ta’ Fleur-de-Lys. L-istorja ta’ Fleur-de-Lys tibda madwar mogħdija ċkejkna li kienet tgħaqqad triq San Ġużepp, fil-limiti ta’ Santa Venera man-naħat ta’ Birkirkara. Din il-mogħdija kienet isservi wkoll għal dawk li jkunu telgħin min-naħat ta’ Ħal Qormi lejn Birkirkara. Meta f’Malta bdiet taħdem il-ferrovija, wieħed mill-istazjonijiet kien f’Birkirkara, sewwa sew fit-tarf ta’ dik li illum hija Fleur-de-Lys Road. Ġara li meta beda jaħdem it-tram dan beda jgħaddi minn din il-mogħdija. Minħabba tram din il-mogħdija ġiet żviluppata u saret triq. Il-bini mill-ewwel beda tielgħa madwar din it-triq. Meta bdiet il-gwerra ħafna refuġjati, speċjalment mill-inħawi tal-Kottonera telgħu lejn dawn l-inħawi. Fost dawn in-nies kien hemm il-Patrijiet Dumnikani li kienu sfaw mingħajr il-kunvent tagħhom tal-Birgu li kien iġġaraf fil-gwerra. Huma kienu refuġjati għand is-Sur Bonavia li kellu fabrika tal-irħam, (fejn illum hemm is-Sorijiet Agostinjani). Dawn il-patrijiet bdew jgħamlu xogħol pastorali mingħand is-Sur Bonavia. Kif jirrakonta tajjeb Patri Serafin Abela O. Carm fil-ktieb tiegħu “Il-Karmelitani fi Fleur-de-Lys” il-Patrijiet Karmelitani ta’ Santa Venera diġa kienu nkewtati li għalkemm dawn l-inħawi kienu jgħamlu mall-parroċċa tagħhom ir-residenti ta’ dawn l-inħawi ftit li xejn kienu jinżlu lejn Santa Venera għall-quddies għax kienu jgħidu li hemm il-bogħod. Wara l-miġja tad-Dumnikani l-kappillan tal-Parroċċa ta’ Santa Venera ta’ dak iż-żmien, P. Alfons Zammit beda jfittex biċċa art fejn jista jibni knisja biex jaqdi l-ħtiġijiet pastorali tan-nies li kienu jgħixu fl-inħawi ta’ Fleur-de-Lys li kienu qegħdin jiżdiedu sew. Għajnejħ marret fuq biċċa art fi Triq Fleur-de-Lys li fuqha kienu ser jinbnew żewġ mezzanin u li l-pedamenti tagħhom kienu diġa saru imma l-bini kien waqaf minħabba l-gwerra.

Minkejja l-problemi, fosthom li kienet għadha kif spiċċat il-gwerra, l-finanzi u il-komplikazzjonijiet biex tiġi akkwistata l-art, ix-xogħol fuq il-bini tal-knisja ma damx ma nbeda. Fl-14 ta’ Jannar 1945 sar it-tqegħid tal-ewwel ġebla mir-Reverendu Patri Provinċjal Pietru Dimech. Il-pjanta tal-Knisja saret mis-Sur Ġuże D’Amato. Il-bini tal-knisja sar minn Ġuże Falzon u ibnu Toninu. Billi l-ħitan tal-ġnub kienu diġa mibnija, il-bini tal-Knisja ħa biss sentejn, imma sakemm tlestiet il-Patrijiet Karmelitani sabu garaxx fil-parti t’isfel ta’ Triq Fleur-de-Lys fl-inħawi tal-King George Bar u fih kienu jgħamlu l-quddies. Il-Knisja kienet imbierka fil-31 ta’ Diċembru 1946 mir-Reverendu Patri Provinċjal Ġorġ Borg. Il-ftuħ uffiċjali sar fl-1 ta’ Jannar 1947 meta saret proċessjoni bis-sagrament mill-Parroċċa ta’ Santa Venera għall-knisja l-ġdida. Il-quddies beda jsir mill-għada. Matul is-snin il-Patrijiet Karmelitani bl-għajnuna ta’ ħafna benifatturi ħadu ħsieb li jżejnu din il-knisja b’dak kollu li hu meħtieġ. L-Artal maġġur huwa tal-irħam u kien ikkonsagrat mill-Arċisqof Mikiel Gonzi fl-14 ta’ Mejju 1948. L-irħam kien ingħata mingħajr ħlas mis-Sur Bonavia u t-tqegħid tal-irħam sar minn C. Spiteri Sacco. Is-sinjura Modesta Delakaye għamlet it-tabernaklu. Il-kwadru titulari tpitter bla ħlas mil-pittur Anthony Caruana, li juri l-Madonna tal-Karmu tagħti l-labtu lil San Xmun Stock. Fil-knisja hemm ukoll żewġ pitturi ta’ San Albert ta’ Ġerusalem u San Alfons Maria de Liguori. L-istatwa titulari u devota tal-Madonna tal-Karmnu kienet inġiebet minn Ruma fl-1948 flimkien ma statwa ta’ San Ġużepp. Il-knisja għandha wkoll statwa ta’ Marija Addolorata, xogħol ta’ Wistin Camilleri u Kurċifiss. Fil-25 ta’ Jannar 1975 il-Fleur-de-Lys sar parroċċa. Il-limiti tal-parroċċa kienu meħuda minn dawk tal-Parroċċa ta’ Santa Venera flimkien ma xi ftit familji mill-Parroċċa ta’ Sant’Elena. Fl-10 ta’ Frar 1991 il-limiti tal-Parroċċa kienu estiżi b’żieda ta’ familji mill-parroċċi ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi, l-parroċċa ta’ Santa Venera u l-Parroċċa ta’ Sant’Elena.

Matul dawn l-erbgħin sena l-parroċċa kellha sebgħa kappillani u żewġ amministraturi. Patri Amadeo J. Zammit O. Carm kien l-ewwel Kappillan, warajh kien hemm Patri Mawrizju Mizzi O. Carm, Patri Anthony Parnis O. Carm, Patri Michael Farrugia O. Carm, Patri Mawrizju Mizzi O. Carm, Patri Joe Saliba O. Carm, Patri Ivan Scicluna O. Carm u issa Patri Martin D. Schembri O. Carm. Iż-żewġ amministraturi kienu Patri Pawl Cremona O. Carm u Patri Joe Vella O. Carm.

Kull kappillan ħalla ftit jew wisq l-impronta tiegħu fuq il-parroċċa. Patri Amadeo kien l-ewwel kappillan li miegħu bdejna din il-mixja bħala Parroċċa. Patri Mawriz għall-darbtejn kien il-kappillan ta’ Fleur-de-Lys. Il-mibki Patri Tony Parnis kien dak li ħadem flimkien mal-Komunità Karmelitana li kellu miegħu biex ikollna ċ-Ċentru Familja Karmelitana għax sa dak iż-żmien il-laqgħat kienu jsiru fis-sagristija. Patri Michael Farrugia, kien imfittex għas-servizz ta’ counselling minn dawk il-koppji jew familji li kienu għaddejin minn problemi. Patri Joe Saliba ħadem ħafna biex fi żmienu l-għaqdiet jiffjorixxu u biex il-Kunsill Pastorali Parrokkjali u l-Kummissjonijiet jimxu skont id-direzzjoni tas-Sinodu Djoċesan. Miegħu ukoll għexna ż-żmien sabih tal-Viżta Pastorali ta’ Mons Arċisqof Pawlu Cremona. Patri Ivan Scicluna ħadem biex tiżdied aktar il-qima lejn l-Ġesù Ewkaristija għalhekk kien beda jorganizza adorazzjonijiet fis-skiet li jdumu sa tard billejl. Illum Patri Martin qiegħed jaħdem ħafna biex tikber aktar id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu, l-Qaddisin Karmelitani u għal aktar vokazzjonijiet fl-Ordni Karmelitan mill-parroċċa. Il-Festa tal-Madonna tal-Karmnu fil-knisja kienet tiġi iċċelebrata kull sena sa mit-twaqqif tal-Knisja kull l-ewwel Ħadd ta’ Lulju. Xhieda ta’ dan huwa l-ħafna armar li sar fl-ewwel snin wara l-bini tal-knisja biex jintrama fil-ġranet tal-festa, bħal set ta’ qaddisin Karmelitani maħduma fil-kartapesta li jintramaw fuq l-artal, sett gandlieri għall-festa bil-prima u s-sekonda, relikwa tal-fidda, u fjuretti tal-ganutel fost l-oħrajn. L-ewwel festa esterna saret fil-6 ta’ Lulju 1975. Għal din il-festa kienu saru pedestal fuq disin ta’ Patri Karm Ferrante O. Carm u bradella. Wara saret ukoll raġġiera kbira biex tkompli tiżżejjen il-Madonna. Minn dak iż-żmien il-festa esterna kibret u l-armar żdied bis-saħħa ta’ ħafna helpers, l-benefatturi, iż-żewġ Kumitati li kien hemm u illum bil-Kummissjoni Festa. Fis-sena 2012 saru pedestal, bradella u bankun li ħallset għalihom is-Sinjura Doris Sciberras De Giovanni, f’isem żewgha Anthony u niċċa ġdida. Din is-sena sar ukoll xogħol ta’ restawr, it-tielet wieħed fuq il-vara tal-Madonna tal-Karmnu u għall-ewwel darba induratura kompleta bid-deheb. Illum fil-parroċċa jgħixu madwar 3500 persuna fi 1200 familja. Fiha wkoll żewġ komunitajiet ta’ Sorijiet Agostinjani, komunità ta’ Sorijiet Ulied il-Qalb ta’ Ġesu u komunità ta’ Soċi Anzjani Irgiel tal-Museum. Il-Komunità Karmelitana immexija mill-Pirjol u Kappillan Fr Martin D. Schembri O. Carm, flimkien ma Patri Damjan Cachia O. Carm, Fr Louis Bajada O. Carm u Fr Joe Vella O. Carm taqdi b’mod tajjeb il-bżonnijiet pastorali tal-parruċċani ta’ Fleur-de-Lys kif dejjem sar minn meta l-Karmelitani ġew fostna fl-1947 u aktar u aktar minn meta l-Fleur-de-Lys sar Parroċċa fil-25 ta’ Jannar 1975, erbgħin sena ilu.