Dwarna | Kunsill Pastorali Parrokjali - Parroċċa Fleur-de-Lys

Parroċċa Fleur-de-Lys

Dwarna

Kunsill Pastorali Parrokjali

Għal min ma tantx huwa midħla tal-ħidma pastorali li issir fil-parroċċa forsi jistaqsi “l-Kappillan għandu bżonn il-Kunsill Pastorali Parrokkjali biex jmexxi l-parroċċa?” jew “għalfejn tingħata din l-importanza kollha l-Kunsill Pastorali Parrokkjali?”

Il-Kunsill Pastorali Parrokkjali (KPP) huwa l-ogħla organu fil-parroċċa u l-membri li jiffurmaw il-kunsill għandhom id-dmir u d-dover li l-ħidma tagħhom tkun waħda attiva fil-parroċċa. Il-Kunsilli Pastorali Parrokkjali ilhom imwaqqfa għal diversi snin, biżżejjed insemmu li fil-parroċċa tagħna l-Kunsill Parrokkjali kif konna insejħulu sa qabel is-Sinodu Djoċesan ilu jeżiżisti mit-twaqqif tal-parroċċa. Fis-Sinodu Djoċesan saret riflessjoni dwar il-ħidma Pastorali fil-knisja u ma jistax jonqos li l-ħidma tal-KPP kienet analizata wkoll. Id-dokumenti tas-Sinodu Djoċesan, fosthom id-dokument Lajċi Nsara jgħatu importanza kbira lill-KPP u jgħidu li l-KPP huwa l-post ewlieni fil-parroċċa fejn il-lajċi, persuni ta’ ħajja konsagrata u saċerdoti jaqsmu r-responsabilta’ flimkien mal-Kappillan. Id-dokument tas-Sinodu Viżjoni ta’ Knisja komunjoni (Kap 20) jgħid li l-komunjoni ma tfissirx biss li l-Kunsill ikun iffurmat bħala struttura ta’ konsultazjoni iżda li dan għandu jkun stmat bis-serjeta billi jgħamel id-differenza. Il-KPP irid jirrifletti r-realtajiet tal-Parroċċa, ghalhekk il-KPP tal-Parroċċa tagħna huwa iffurmat minn rappreżentanti tal-għaqdiet, rappreżentanti tal-komunitajiet ta’ ħajja konsagrata li għandna fil-parroċċa, leaders taz-zoni tal-Parroċċa flimkien mal-Kappillan. Il-KPP għandu wkoll diversi kummissjonijiet li jispeċjalizaw f’ħidma partikolari bħalma hija l-Familja, d-Djakonija, ż-Żagħżagħ u adoloxxenti, l-Liturġija, t-Tfal u l-Kummissjoni għall-implementazzjoni tas-Sinodu. Biex ikun hemm ħidma aktar ko-ordinata bejn il-parroċċi tal-Unita, l-Kappillan flimkien mal-moderatur u s-segretarju huma r-rappreżentati fil-laqgħat li jsiru tal-Unita.

Il-membri tal-KPP ma għandhomx ikunu nies li dejjem jgħidu iva għal kull ma jgħid il-Kappillan imma fid-dokument Lajċi Nsara (LN 69) jingħad li għandu jkun iffurmat minn nies kompetenti u ta’ rieda soda li jwettqu dan ix-xogħol importanti. Il-membri tal-KPP jixbhu lill-moħħ u l-idejn ta’ bniedem għax iridu jkunu kapaċi jifhmu lill-parroċċa u jiddixernu xi jrid Alla għall-parroċċa, jkunu kapaċi jagħmlu pjan għal dak li jkun ġie deċiż li jsir, iwettqu x-xogħol u wara jagħmlu evalwazzjoni ħalli jaraw x’kien ir-riżultat ta’ dak li sar.

Il-ħidma tal-membri tal-KPP jiena nxebaha mall-parabola tat-talenti, il-Mulej jafda lilna b’din il-ħidma għax jaf li aħna nistgħu nwetquha, biss aħna għandna responsabilita kbira quddiem HU għax xi darba ser isejħilna u irridu jagħtu kont LILU tal-ħidma tagħna.